Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar ir-Relazzjonijiet bejn l-UE u s-Serbja: ir-rwol tas-soċjetà ċivili

(2008/C 224/29)

F'ittra datata t- 18 ta' Lulju 2007, il-Kummissarju Margot Wallström u l-Kummissarju Olli Rehn talbu lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew sabiex ifassal opinjoni esploratorja dwar

Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u s-Serbja: ir-rwol tas-soċjetà ċivili.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il- 5 ta' Mejju 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur Seppo Kallio.

Matul l-445 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit- 28 u d- 29 ta' Mejju 2008 (seduta tad- 29 ta' Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'74 vot favur, 9 voti kontra u 10 astensjonijiet.

1. Il-konklużjonijiet ta' l-opinjoni

1.1 Ir-rakkomandazzjonijiet lill-istituzzjonijiet u l-korpi ta' l-UE:

- Il-gvern Serb għandu jiġi appoġġjat fil-ħolqien ta' Strateġija għall-iżvilupp tas-soċjetà ċivili [1].

- Għandu jissaħħaħ l-appoġġ, anke f'termini finanzjarji, għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fis-Serbja sabiex iżommu l-indipendenza tagħhom mill-gvern u jassiguraw is-sostenibbiltà tal-proġetti mmexxija minnhom stess.

- Għandhom jinħolqu skemi ta' appoġġ finanzjarju iktar adattati u effiċjenti sabiex jitqassru l-proċeduri twal ta' l-applikazzjoni u t-teħid tad-deċiżjonijiet. Dan japplika wkoll għall-faċilità l-ġdida stabbilita mill-Kummissjoni Ewropea għall-promozzjoni ta' l-iżvilupp u d-djalogu tas-soċjetà ċivili. L-appoġġ għandu jkun disponibbli għal medda wiesgħa ta' organizzazzjonijiet interessati u għandu jkun flessibbli fir-rigward ta' l-indirizzar tal-ħtiġijiet tagħhom.

- Għandha ssir distinzjoni bejn l-NGOs u l-imsieħba soċjali fir-rigward tal-ħolqien u l-adozzjoni ta' strateġiji ta' appoġġ.

- Għandhom jiġu appoġġjati programmi ffokati fuq il-bini tal-kapaċitajiet ta' l-imsieħba soċjali sabiex isaħħu l-kapaċità tagħhom għal djalogu soċjali effettiv;

- Għandhom jiġu appoġġjati b'mod sistematiku dawk il-proġetti ta' l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li qegħdin jiffukaw fuq il-promozzjoni ta' l-idea ta' l-integrazzjoni Ewropea fis-soċjetà kollha kemm hi. Dibattitu sistematiku dwar il-kwistjonijiet li jikkonċernaw l-integrazzjoni Ewropea għandu jħaddan il-partijiet kollha tas-soċjetà, inkluż il-qasam non-governattiv. F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat l-appoġġ għal medda usa' ta' attivitajiet fil-Konvenzjoni Nazzjonali dwar l-Unjoni Ewropea fis-Serbja, li tinkludi kemm ir-rappreżentanti ta' l-organizzazzjonijiet tal-gvern u non-governattivi.

- Għandhom jiġu appoġġjati proġetti mmirati lejn it-trasferiment ta' l-għarfien u l-esperjenza mill-Istati Membri ta' l-UE għas-Serbja. Il-kontribut ta' l-Istati Membri l-"ġodda" mill-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant jista' jkun ta' valur miżjud ġenwin. L-importanza ta' "proġetti ta' ġemellaġġ" għandha tingħata aktar rikonoxximent u appoġġ mill-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea. Il-faċilità li għadha kif ġiet stabbilita għall-promozzjoni ta' l-iżvilupp u d-djalogu tas-soċjetà ċivili tista' tipprovdi l-appoġġ għal attivitajiet bħal dawn.

- Għandu jsir possibbli għar-rappreżentanti ta' l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili mis-Serbja li jżuru l-istituzzjonijiet ta' l-UE u jieħdu sehem b'xejn fil-konferenzi u l-avvenimenti organizzati mill-UE.

- Għandu jissaħħaħ l-appoġġ għan-netwerks reġjonali ta' l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-Balkani tal-Punent. Għandha tingħata attenzjoni speċifika lill-intensifikar tad-djalogu bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Serbi u Kosovari [2] sabiex jingħeleb id-distakk fil-komunikazzjoni bejn il-gvernijiet tas-Serbja u l-Kosovo [2].

- Għandu jinżamm djalogu sistematiku ma' donaturi oħrajn sabiex jipprovdu lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fis-Serbja u l-Balkani tal-Punent kollha kemm huma b'assistenza mmirata, effiċjenti, effettiva u f'waqtha.

- Id-Delegazzjoni tal-KE fis-Serbja għandha ssir iktar viżibbli f'għajnejn ir-rappreżentanti ta' l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kif ukoll taċ-ċittadini tas-Serbja.

- Għandu jiġi stabbilit djalogu sistematiku u strutturat fost ir-rappreżentanti ta' l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u d-Delegazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea (KE) fis-Serbja sabiex ikollhom informazzjoni diretta dwar l-istat tas-soċjetà ċivili Serba.

- Għandhom jinżammu laqgħat regolari mar-rappreżentanti ta' l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili sabiex jirreaġixxu bi flessibbiltà ikbar għall-istennijiet u l-ħtiġijiet tagħhom.

1.2 Ir-rakkomandazzjonijiet lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

- Għandu jinħoloq Kumitat Konsultattiv Konġunt (KKK) bejn il-KESE u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Serba għall-promozzjoni u l-appoġġ tad-djalogu ċivili fis-Serbja. Fin-nuqqas ta' bażi legali xierqa — il-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) — il-KESE jista' jwaqqaf KKK temporanju bl-istess għanijiet sakemm jiġi ffirmat u ratifikat l-FSA.

- Għandu jittieħed sehem attiv fil-Programm il-ġdid ta' Djalogu People to People mmexxi mid-Direttorat Ġenerali għat-Tkabbir tal-KE: il-KESE jista' jħejji u jorganizza żjarat ta' studju fl-UE (speċjalment fi Brussell) għar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili Serba.

- Għandu jsir possibbli għar-rappreżentanti ta' l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili mis-Serbja li jżuru u jsiru familjari ma' l-attivitajiet tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew;

1.3 Ir-rakkomandazzjonijiet lill-awtoritajiet Serbi

- Għandhom jgħaddu l-Liġi ta' l-Assoċjazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili u l-leġislazzjoni korrispondenti, speċjalment il-leġislazzjoni fiskali, mill-iktar fis possibbli;

- Għandha tiġi żviluppata strateġija għall-iżvilupp tas-soċjetà ċivili; din għandha toħloq il-bażi għal soċjetà ċivili fattibbli bħala element meħtieġ ta' soċjetà demokratika matura. L-istrateġija għandha tiġi żviluppata b'kooperazzjoni stretta ma' l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

- Għandu jinżamm djalogu sistematiku dwar il-kwistjonijiet li jikkonċernaw l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili mar-rappreżentanti tagħhom. L-approċċ tal-gvern lejn is-soċjetà ċivili għandu jkun iktar inklużiv;

- Għandhom jiddaħħlu diversi inċentivi lill-organizzazzjonijiet non-governattivi, inklużi dawk finanzjarji, sabiex jiġi appoġġjat l-iżvilupp tagħhom u s-sostenibbiltà ta' l-attivitajiet tagħhom. Għandha tiġi żviluppata skema trasparenti għall-għoti tal-flus li tippermetti lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili sabiex japplikaw għall-għotjiet mill-baġit ta' l-Istat;

- Għandha tiġi appoġġjata ż-żamma ta' djalogu soċjali tripartitiku regolari u jiġi assigurat it-tħaddim tajjeb tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali Serb (SESC) skond il-liġi. Dan għandu jkun ibbażat fuq il-parteċipazzjoni regolari tal-ministeri kollha kkonċernati fil-laqgħat ta' l-SESC;

- Għandha tiġi assigurata l-implimentazzjoni korretta u effettiva tal-faċilitazzjoni tal-visa u l-ftehimiet ta' ammissjoni mill-ġdid ma' l-UE u l-implimentazzjoni tar-riformi neċessarji sabiex jitkompla l-proċess tal-liberalizzazzjoni tal-visa. L-ivvjaġġar mingħajr visa huwa kruċjali għat-tisħiħ tal-kuntatti bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Serba u l-kontrapartijiet tagħhom fl-Unjoni Ewropea.

1.4 Ir-rakkomandazzjonijiet lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fis-Serbja

- Għandha titwaqqaf pjattaforma istituzzjonalizzata għal-laqgħat regolari u l-iskambju ta' l-ideat;

- Għandhom jittejbu l-ħiliet maniġerjali tar-rappreżentanti ta' l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili bis-saħħa tal-parteċipazzjoni tagħhom f'diversi programmi ta' taħriġ.

- Għandu jiżdied l-għadd ta' rappreżentanti tal-minoritajiet nazzjonali u etniċi fi proġetti żviluppati mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Serba;

- Għandha ssir iktar enfasi fuq il-kooperazzjoni reġjonali, possibbilment billi tingħata ħarsa lit-tagħlim u l-kollaborazzjoni ma' l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-Istati Membri ta' l-UE, speċjalment ma' dawk mill-Ewropa Ċentrali u x-Xlokk.

- Għandha tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-midja u tittejjeb l-immaġni pubblika tagħhom bil-promozzjoni tal-proġetti u r-riżultati ta' l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

1.5 Ir-rakkomandazzjonijiet lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-Kosovo [3] u s-Serbja

- Għandu jsir kull sforz sabiex tinżamm u/jew tittejjeb il-kooperazzjoni u l-kuntatti man-nies fost l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-Kosovo [3] u s-Serbja;

2. Sfond għall-opinjoni

2.1 L-għanijiet ta' l-UE fil-Balkani tal-Punent u s-Serbja

Il-Balkani tal-Punent huma fost il-prijoritajiet reġjonali ewlenin tal-politika barranija ta' l-UE. L-għan ewlieni ta' l-UE fil-Balkani tal-Punent huwa li tiżdied l-istabbiltà u l-prosperità reġjonali. It-tħejjija tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent għas-sħubija fl-UE tista' tissemma bħala għan daqstant importanti. Sabiex dan jinkiseb, l-UE qiegħda tuża strumenti speċifiċi ta' għajnuna għall-pre-adeżjoni.

Il-Proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (PSA) inħoloq sabiex il-pajjiżi tar-reġjun jiġu megħjuna fi triqithom lejn l-UE. L-iffirmar ta' l-FSA huwa kkunsidrat bħala pass sinifikanti lejn sħubija sħiħa ma' l-UE. Sa Mejju 2008 ħames pajjiżi biss mis-sitt pajjiżi Balkani tal-Punent kienu ffirmaw FSA. Filwaqt li l-Kroazja diġà qed tinnegozja l-adeżjoni tagħha ma' l-UE, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, bl-istatus tagħha ta' pajjiż kandidat, għadha ma bdietx in-negozjati ta' l-adeżjoni. Is-Serbja ffirmat il-FSA tagħha fil-Lussemburgu fid- 29 ta' April 2008 Il-Bosnja-Ħerzegovina ffinalizzat in-negozjati u inizjalat l-FSA tagħha, iżda għadha ma ffirmatux.

2.2 L-istat u r-rwol ta' l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fis-Serbja

2.2.1 Ir-rwol partikulari ta' l-NGOs

L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u b'mod partikulari l-NGOs, qdew rwol importanti fit-tneħħija tar-reġim ta' Milošević, billi rnexxielhom jimmobilizzaw parti sinifikanti tal-popolazzjoni sabiex iseħħu bidliet demokratiċi. Mis-sena 2000 'l hawn, l-NGOs għaddew minn proċess ta' trasformazzjoni, ikkaratterizzat mid-definizzjoni mill-ġdid tal-programmi, l-għanijiet u l-prijoritajiet tagħhom. Billi r-Repubblika Serba qiegħda għaddejja minn proċess diffiċli ta' trasformazzjoni politika, ekonomika u soċjali, l-NGOs — u speċjalment dawk li qegħdin jittrattaw id-demokratizzazzjoni u d-drittijiet tal-bniedem — qegħdin jaqdu rwol kruċjali fid-demokratizzazzjoni tas-soċjetà Serba. Il-kontribut sinifikattiv ta' xi NGOs kien ta' min ifaħħru speċjalment matul l-aħħar elezzjonijiet presidenzjali li nżammu f'Jannar-Frar 2008. Barraminhekk, l-NGOs qdew rwol sinifikattiv fil-proċess tat-tixrid tal-valuri Ewropej u biex is-Serbja titqarreb lejn l-UE.

2.2.2 Il-ħtieġa għal djalogu mas-soċjetà ċivili

F'dan ir-rigward, il-bżonn ta' djalogu intensiv bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili minn naħa u l-gvern Serb min-naħa l-oħra għandu jiġi enfasizzat. Minkejja l-introduzzjoni ta' diversi forom ta' konsultazzjoni bejn il-gvern u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili [4], għad m'hemm l-ebda djalogu ċivili sistematiku fis-Serbja. It-twaqqif ta' djalogu bħal dan huwa fl-interess vitali tas-soċjetà Serba kollha kemm hi u, b'mod partikulari, ta' l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, iżda huwa wkoll fl-interess ta' l-UE, billi waħda mill-prekondizzjonijiet għall-integrazzjoni ta' suċċess ta' l-UE hi soċjetà fattibbli u b'saħħitha.

3. Żviluppi politiċi fis-Serbja

3.1 Is-sitwazzjoni politika attwali

Mis-sena 2000, meta gvern demokratiku u favur l-integrazzjoni ssostitwixxa r-reġim tal-President Slobodan Milošević, is-Serbja kellha tiffaċċja proċess ta' trasformazzjoni politika, ekonomika u soċjali. It-transizzjoni problematika ta' l-ekonomija, il-kwistjoni ta' l-istatus aħħari tal-Kosovo [5], kif ukoll l-użu populista tal-preġudizzji u l-istereotipi nazzjonali minn ċerti mexxejja politiċi kkontribwew għar-radikalizzazzjoni tax-xena politika Serba. Dan ma kkunċernax biss l-oppożizzjoni, iżda wkoll sa ċertu punt il-gvern li għadu kif spiċċa immexxi mill-Prim Ministru Vojislav Koštunica. L-involviment tal-midja f'dawn il-proċessi m'għandux jintesa, billi l-biċċa l-kbira tal-ġurnalisti u x-xandaragħadhom 'l bogħod ħafna milli jkunu ġenwinament indipendenti. L-elezzjonijiet presidenzjali ta' dan l-aħħar irriżultaw fl-għażla mill-ġdid tal-President Boris Tadić, li jirrappreżenta l-moderati fil-politika tas-Serbja. Madankollu, l-instabbiltà kontinwa fil-koalizzjoni tal-gvern u t-tensjonijiet bejn il-Partit Demokratiku tas-Serbja ta' Vojislav Koštunica u l-Partit Demokratiku ta' Boris Tadić, li ħraxu wara d-dikjarazzjoni ta' indipendenza tal-Kosovo [5] fi Frar 2008, wasslu għar-riżenja tal-Prim Ministru, Vojislav Koštunica. Fil- 11 ta' Mejju 2008 ġew organizzati elezzjonijiet parlamentari bikrija.

3.2 Relazzjonijiet politiċi ma' l-UE, ir-Russja u l-pajjiżi ġirien

L-integrazzjoni ta' l-UE għandha bħala premessa li għandhom jintlaħqu l-kriterji ta' Kopenħagen, il-kondizzjonijiet tal-Proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u l-kondizzjonijiet u l-ħtiġijiet oħra stabbiliti mill-UE. Is-Serbja għadha ma ssodisfathomx kollha l-kondizzjonijiet u l-ħtiġijiet iżda wriet kapaċità amministrattiva tajba fil-proċessi tan-negozjati għall-FSA ma' l-UE u fl-implimentazzjoni tar-riformi neċessarji. F'Novembru 2007, l-UE inizjalat l-FSA. Madankollu, l-iffirmar ta' l-FSA ġie mfixkel min-nuqqas ta' kooperazzjoni mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li qabel kient il-Jugoslavja (ICTY). Sabiex jiġu analizzati modi differenti għat-twettiq ta' progress rapidu l-UE ftehmet li twaqqaf Task Force. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni Ewropea sejħet lis-Serbja sabiex tafferma mill-ġdid l-impenn tagħha sabiex ikollha rabtiet iktar stretti ma' l-Unjoni Ewropea [6]. Anke wara l-iffirmar ta' l-FSA, il-kooperazzjoni mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li qabel kienet il-Jugoslavja (ICTY) tibqa waħba mill-prekondizzjonijiet ewlenin għall-iżvilupp addizzjonali tar-relazzjonijiet bejn l-UE u s-Serbja. Fattur ieħor essenzjali li jsawwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u s-Serbja ser jiddependi ħafna fuq il-kapaċità tal-gvern Serb li jissepara l-kwistjoni ta' l-istatus aħħari tal-Kosovo [5] mill-proċess ta' l-integrazzjoni Ewropea.

Ir-relazzjonijiet bejn is-Serbja u r-Russja saru dejjem iktar intensivi. Dan huwa parzjalment minħabba l-kwistjoni ta' l-istatus tal-Kosovo [5], billi l-Federazzjoni Russa konsistentement appoġġjat il-pożizzjonijiet Serbi. Min-naħa l-oħra, il-livell ta' kooperazzjoni ekonomika qiegħed jogħla wkoll — l-iktar sinjal eċċezzjonali ta' żvilupp bħal dan huwa l-interess jiżdied ta' investituri Russi fl-ekonomija Serba.

Għalkemm sar ċertu progress f'dawn l-aħħar snin, mhux ir-relazzjonijiet kollha bejn is-Serbja u l-pajjiżi ġirien tagħha huma ta' livell sodisfaċenti. Ir-relazzjonijiet mal-ġirien ta' l-UE tas-Serbja — il-Bulgarija, l-Ungerija u r-Rumanija — jistgħu jitqiesu bħala tajbin ħafna. L-istess japplika għar-relazzjonijiet mal-Montenegro u dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja. Ir-relazzjonijiet bejn is-Serbja u l-Kroazja huma tajbin, għalkemm għad hemm xi kwistjonijiet miftuħa, per eżempju fir-rigward tar-ritorn tar-refuġjat lejn il-Kroazja. Ir-relazzjonijiet mal-Bosnja u Ħerżegovina huma mfassla l-iktar minn relazzjoni speċifika bejn is-Serbja u r-Republika Srpska. Naturalment, l-ikbar tensjoni tinsab fir-relazzjonijiet bejn is-Serbja u l-Kosovo [5], speċjalment mindu saret id-dikjarazzjoni ta' indipendenza tal-provinċja.

3.3 Ir-rwol tas-Serbja fl-istabilizzazzjoni u l-iżvilupp tal-Balkani

Is-Serbja huwa pajjiż importanti fil-Balkani tal-Punent u msieħeb importanti għall-UE fir-reġjun. Minħabba l-involviment tal-mexxejja u l-armata Serba fil-gwerer kollha tal-Balkani fis-snin disgħin, ir-reputazzjoni tas-Serbja fir-reġjun hija waħda relattivament negattiva. L-uniku mod li bih tista' tittejjeb din id-dehra fir-reġjun huwa permezz ta' titjib fir-relazzjonijiet tajba mal-ġirien kollha tagħha u l-parteċipazzjoni attiva f'diversi inizjattivi reġjonali, bl-għajnuna ta' l-UE.

4. Żviluppi ekonomiċi fis-Serbja

4.1 L-istat attwali ta' l-ekonomija fis-Serbja

Minħabba l-iżolament politiku u ekonomiku tagħha, li rriżulta mill-karattru tar-reġim ta' Milošević, l-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiż naqqas ir-ritmu matul il-parti l-kbira tas-snin disgħin. Madankollu, mill-2000, l-ekonomija Serba tista' titqies bħala ekonomija fi transizzjoni tipika, bi tkabbir sostenibbli (5,7 % fl-2006 meta mqabbel mas-6.2 % fl-2005). Iż-żieda fil-PGD kien akkompanjat bi tnaqqis fl-inflazzjoni, li laħqet l-10 % fl-2007 [7]. Il-vantaġġi ekonomiċi ċari tas-Serbja jħaddnu potenzjal tas-suq relattivament kbir, lok ġeografiku favorevoli, aċċess tad-duty free fis-swieq tax-Xlokk ta' l-Ewropa, l-UE, ir-Russja u fl-Istati Uniti, kif ukoll forza tax-xogħol edukata u kkwalifikata.

4.2 Il-proċess tal-privatizzazzjoni

Is-sehem tas-settur privat baqa' relattivament żgħir meta mqabbel mal-medja ta' l-UE. Is-settur privat jgħodd għal madwar 55 % tal-prodott totali u 60 % ta' l-impjieg totali [8]. Sehem tas-settur privat li jkun relattivament żgħir jaffetwa lill-kompetittività ta' l-ekonomija Serba b'mod negattiv, speċjalment il-prodotti u s-servizzi. Għaldaqstant, hemm bżonn ta' iktar privatizzazzjoni u ristrutturar tal-kumpaniji statali u ta' proprjetà pubblika għall-iżvilupp addizzjonali ta' l-ekonomija Serba.

4.3 Is-setturi ewlenin ta' l-ekonomija Serba

Is-setturi ewlenin ta' l-ekonomija Serba, f'ordni dixxendenti, huma s-servizzi, l-industrija, l-agrikoltura u l-bini. Skond l-Aġenzija Serba għall-Promozzjoni ta' l-Investiment u l-Esportazzjoni, l-iktar setturi dinamiċi ta' l-ekonomija huma l-agrikoltura, l-IT, l-ipproċessar ta' l-injam, il-produzzjoni ta' l-għamara, l-enerġija, il-karozzi, it-tessuti, l-elettronika u l-farmaċewtika [9].

4.4 Kummerċ barrani

L-Unjoni Ewropea hija l-iktar imsieħba kummerċjali importanti tas-Serbja. Fost l-ikbar għaxar imsieħba ta' l-esportazzjoni tas-Serbja nsibu sitt Stati Membri ta' l-UE. Madankollu, l-iktar imsieħeb importanti għall-esportazzjoni tas-Serbja hija r-Repubblika tal-Bosnja-Ħerżegovina. Ir-Russja tinsab fil-quċċata tal-pajjiżi li minnhom timporta s-Serbja [10].

Il-kooperazzjoni ekonomika tas-Serbja mal-ġirien tagħha, li tinkludi r-relazzjonijiet kummerċjali, ser tiġi affetwata b'mod pożittiv bl-implimentazzjoni tal-Ftehim għall-Kummerċ Ħieles ta' l-Ewropa Ċentrali, li ġie iffirmat mill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u l-Moldova fl-2006. Il-ħolqien ta' żona ta' kummerċ ħieles fil-Balkani tal-Punent kien wieħed mill-prijoritajiet ewlenin tal-proċess ta' pre-adeżjoni.

4.5 Investiment barrani dirett u l-ikbar investituri fl-ekonomija Serba

Il-politika Serba favur l-investiment ġibdet l-attenzjoni ta' ħafna investituri barranin. Fl-2006, l-ammont globali ta' l-investiment barrani dirett kien l-ogħla fir-reġjun (EUR 3.4 biljuni) [11]. L-ikbar flussi ta' investiment marru lejn is-servizzi finanzjarji, il-kummerċ, il-manifattura, il-proprjetà, l-amministrazzjoni pubblika u t-trasport. L-ikbar investituri joriġinaw l-iktar mill-pajjiżi ta' l-UE u l-Greċja tinsab fl-ewwel post [12].

Minkejja l-għadd jiżdied ta' investimenti, is-suq Serb għad għandu potenzjal qawwi għal żvilupp addizzjonali f'dan il-qasam.

5. L-istat u r-rwol attwali ta' l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili

5.1 Problemi u sfidi komuni

Hemm tliet problemi ewlenin li jistgħu jiġu identifikati: l-istatus fiskali; id-diskrepanza urbana-rurali; iż-żieda fil-kompetizzjoni minflok fil-kooperazzjoni.

Il-fatt li l-leġislazzjoni fiskali Serba ma tagħmilx distinzjoni bejn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u organizzazzjonijiet oħra mingħajr skop ta' qligħ, huwa problematiku. Għaldaqstant, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huma ttrattati bl-istess mod bħall-intrapriżi ż-żgħar — iridu jħallsu t-taxxi mid-donazzjonijiet li jirċievu, filwaqt li ftit biss minnhom huma eżentati minn obbligi tal-VAT. Barraminhekk, il-politiki fiskali eżistenti ta' l-istat Serb ma stimulaw l-ebda forma ta' għoti lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

Problema oħra hija dik tad-diskrepanza urbana-rurali li għadha għaddejja. Il-biċċa l-kbira ta' l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huma kkonċentrati jew f'Belgrad jew fi tnejn jew tlitt ibliet kbar oħrajn, filwaqt li ż-żoni rurali għandhom nuqqas ta' esperjenza fihom. Dan jirriżulta f'livell ta' għarfien baxx fil-popolazzjoni ġenerali dwar is-soċjetà ċivili u l-attivitajiet ta' l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

It-tielet problema — iż-żieda fil-kompetizzjoni minflok il-kooperazzjoni bejn l-assoċjazzjonijiet tas-soċjetà ċivili — twassal għal tensjonijiet u ddgħajjef il-pożizzjonijiet potenzjali fil-konfront ta' l-awtoritajiet Serbi.

5.2 Il-kooperazzjoni bejn il-gvern Serb u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili

Il-biċċa l-kbira ta' l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għadhom ma jitqisux bħala msieħba mill-awtoritajiet Serb, speċjalment dawk li qed jiffukaw fuq xi kwistjonijiet sensittivi (eż. reati tal-gwerra, l-oqbra tal-massa eċċ.) Il-kooperazzjoni ta' l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili mal-gvern ċentrali jew il-gvernijiet lokali hija bbażata fuq bażi ad hoc, billi l-gvern ma jidhirx ħerqan li jwaqqaf sħubija ma' l-organizzazjonijiet tas-soċjetà ċivili. Minn naħa, dan huwa minħabba nuqqas ta' leġislazzjoni li tirregola r-relazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-gvern, u mill-banda l-oħra, in-nuqqas ta' rieda politika li tinvolvi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili b'mod iktar intensiv fil-konsultazzjonijiet u t-tħejjija ta' dokumenti strateġiċi seletti għandu jitqies ukoll. Fatt ieħor li għandu jiġi enfasizzat huwa li l-Istat Serb jadotta approċċ pjuttost selettiv għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

5.3 L-imsieħba soċjali

5.3.1 Id-djalogu soċjali

Minkejja li djalogu soċjali effettiv huwa wieħed mill-prekondizzjonijiet għat-trasformazzjoni ekonomika ta' suċċess, ir-rwol ta' l-imsieħba soċjali fis-soċjetà Serba baqa' relattivament dgħajjef. Wara li daħlet fis-seħħ il-Liġi tax-Xogħol fl-2005, il-Ftehim Kollettiv Ġenerali ma baqax japplika. L-istess jgħodd għal kull ftehim kollettiv speċjali li ġie konkluż qabel l-2001. Bidla oħra marbuta mar-regolament legali l-ġdid hija li l-Gvern m'għadux jieħu sehem fil-konklużjoni ta' Ftehim Kollettiv Ġenerali ġdid, iżda għadu jaqdi rwol attiv fil-konklużjoni ta' bosta ftehimiet settorjali u speċjali. It-trade unions rappreżentattivi u l-assoċjazzjonijiet ta' min iħaddem, li issa huma inkarigati min-negozjati għall-Ftehim Kollettiv Ġenerali l-ġdid, ma rnexxilhomx jilħqu ftehim s'issa. Għaldaqstant, il-konklużjoni ta' Ftehim Kollettiv Ġenerali ġdid, jibqa' wieħed mill-iktar pre-kondizzjonijiet importanti għat-tisħiħ tad-djalogu soċjali fis-soċjetà Serba.

Il-Kunsill Soċjali u Ekonomiku tar-Repubblika Serba, stabbilit fl-2005 mil-Liġi għall-Kunsill Soċjali u Ekonomiku, jipprovdi bażi istituzzjonali għan-negozjati tripartitiċi. Madankollu, il-Kunsill qiegħed jiffaċċja bosta problemi li kellhom impatt negattiv fuq l-attivitajiet tiegħu. L-ewwelnett, għandha tissemma l-iskarsezza tar-riżorsi finanzjarji. Minkejja ż-żieda fil-fondi mill-baġit statali, in-nuqqas ta' riżorsi finanzjarji jinfluwenza b'mod negattiv il-ħidma tas-Segretarjat u jżomm il-Kunsill milli jwaqqaf għadd xieraq ta' gruppi ta' ħdima u milli jorganizza laqgħat regolari. Problema oħra hija l-attendenza irregolari tar-rappreżentanti ta' l-imsieħba soċjali fil-laqgħat tal-Kunsill. B'hekk, xi wħud mill-abbozzi ta' liġi jgħaddu mill-Parlament mingħajr ma jiġu diskussi mill-membri tal-Kunsill.

5.3.2 L-organizzazzjonijiet Serbi ta' min iħaddem

L-Unjoni ta' Min Iħaddem tas-Serbja (UPS) hija l-organizzazzjoni nazzjonali prinċipali ta' min iħaddem. Għall-kuntrarju tat-trade unions, il-UPS gawdiet minn kooperazzjoni tajba mal-Ministeru tax-Xogħol u l-Politika Soċjali. Hija tieħu sehem regolarment fl-attivitajiet tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tar-Repubblika Serba. Madankollu, il-fatt li l-biċċa l-kbira tal-kumpaniji kbar li huma attivi fis-Serbja m'humiex membri tal-UPS idgħajjef il-leġittimità ta' l-organizzazzjoni fil-kuntest tad-djalogu soċjali. Il-UPS ilha tieħu sehem fil-ħidma tal-Forum ta' min iħadem tax-Xlokk ta' l-Ewropa (South Eastern Europe Employers' Forum) u l-Organizzazzjoni Internazzjonali ta' min iħaddem (International Organisation of Employers). Id-dimensjoni internazzjonali ta' l-attivitajiet ta' l-organizzazzjonijiet Serbi ta' min iħaddem ser tissaħħaħ wara li dawn ikunu rċevew l-istatus ta' osservaturi fil-BusinessEurope. Il-UPS mistennija tissieħeb ukoll ma' l-Unjoni Mediterranja ta' Min Iħaddem f'Ġunju 2008.

5.3.3 Il-qagħda attwali u r-rwol tat-trade unions

It-trade unions huma iktar eteroġeni. B'kollox jeżistu madwar 20000 trade union f'kull livell fis-Serbja, mill-livell ta' kumpanija sa dak nazzjonali. Il-biċċa l-kbira minnhom huma membri ta' żewġ konfederazzjonijiet nazzjonali prinċipali, Indipendenza (Nezavisnost) u l-Konfederazzjoni ta' Trade Unions Awtonomi tas-Serbja (SSSS). L-azzjoni konġunta hi rari. Problema oħra relatata hija n-nuqqas ta' kompetizzjoni fost it-trade unions. Minkejja li r-rwol tat-trade unions huwa kkunsidrat bħala relattivament dgħajjef fis-Serbja, il-parteċipazzjoni attiva tagħhom fin-negozjar kollettiv fis-settur pubbliku u l-intrapriżi pubbliċi turi li r-rwol tagħhon fit-tisħiħ tad-djalogu soċjali m'għandux ikun sottovalutat. Rigward l-attivitajiet internazzjonali tat-trade unions Serbi, kemm in-Nezavisnost kif ukoll l-SSSS huma membri tal-Konfederazzjoni Internazzjonali ta' Trade Unions u jieħdu sehem fil-Forum tal-Balkani ta' l-ETUC (il-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions).

5.4 Is-sitwazzjoni fi ħdan id-diversi gruppi ta' interess

5.4.1 Ambjent legali mhux sodisfaċenti

Minkejja d-diversi stqarrijiet tal-gvernijiet Serbi wara s-sena 2000 u l-impenji tagħhom li jadottaw liġi ġdida dwar l-assoċjazzjonijiet taċ-ċittadini, il-ħidma ta' l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ, kif ukoll ir-relazzjonijiet tagħhom ma' l-istat Serb baqa' mhux regolat. Fil-fatt, l-istatus legali tal-gruppi varji ta' interess, u b'mod partikulari l-NGOs huwa regolat mil-Liġi ta' l-Istat dwar l-Assoċjazzjoni ta' Ċittadini f'Assoċjazzjonijiet, Organizzazzjonijiet Soċjali u Organizzazzjonijiet Politiċi li kienu diġà twaqqfu fil-Liġi dwar organizzazzjonijiet Soċjali u l-Assoċjazzjonijiet taċ-Ċittadini mill-1982, emendata fl-1989 [13] tar-Repubblika Soċjali Federali tal-Jugoslavja u r-Repubblika (Serba).

Fl-2006, il-Gvern Serb adotta Abbozz ta' Liġi dwar l-Assoċjazzjonijiet Ċiviċi. Dan it-test li ġie armonizzat mal-pożizzjonijiet tar-rappreżentanti tad-diversi gruppi ta' interess ma wasalx sa l-istadju tal-Parlament għall-adozzjoni. L-Abbozz ta' Liġi jissemplifika l-proċeduri għar-reġistrazzjoni ta' l-assoċjazzjonijiet ċiviċi u jipprevedi li assoċjazzjoni tista' takkwista proprjetà u assi bil-ħlasijiet ta' nollijiet ta' sħubija, kontributi volontarji, donazzjonijiet u rigali, eċċ. L-abbozz jipprovdi wkoll sabiex l-istat jew il-korpi responsabbli mill-gvernijiet awtonomi lokali jkunu jistgħu jagħmlu għotjiet u donazzjonijiet lil diversi gruppi ta' interess. Madankollu, il-Liġi dwar l-Assoċjazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivika ma ssolvix il-problemi kollha li jirrigwardaw l-istatus legali u ekonomiku tagħhom. Għaldaqstant jinħtieġ sett sħiħ ta' liġijiet addizzjonali.

5.4.2 Ir-rwol u l-kopertura ta' l-organizzazzjonijiet ta' l-SMEs, l-organizzazzjonijiet ta' l-agrikoltura u l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi

Wieħed jista' jgħid li r-rappreżentanti ta' l-SMEs u l-organizzazzjonijiet agrikoli jbatu mill-istess problemi bħat-trade unions — il-frammentazzjoni u l-kompetizzjoni kontra-produttiva — li jżommuhom milli jwaqqfu gruppi ta' pressjoni qawwija. Il-livell għoli ta' korruzzjoni jassigura lil xi organizzazzjonijiet aċċess aħjar għall-burokrazija statali minn oħrajn. Il-viċinanza politika u l-postijiet ġeografiċi ta' dawn l-organizzazzjonijiet jistgħu jissemmew bħala fattur ieħor ta' separazzjoni. Għalkemm in-numru ta' organizzazzjonijiet tal-konsumaturi hu iżgħar, meta mqabbel ma' l-organizzazzjonijiet agrikoli, il-problemi tagħhom huma bejn wieħed u l-ieħor l-istess.

5.4.3 NGOs fis-soċjetà Serba

Is-settur ta' l-NGOs fis-Serbja kien qed jissaħħaħ fit-tieni nofs tas-snin disgħin, wara tmiem il-gwerra tal-Bosnja. Fl-2000 l-NGOs qdew rwol kruċjali fit-tneħħija tar-reġim ta' Milošević billi mmobilizzaw liċ-ċittadini u ħadu sehem fin-negozjati ma' l-oppożizzjoni ta' kontra Milošević. Il-kampanja favur l-elezzjoni bl-isem ta' "Izlaz 2000" kien proġett ta' diversi NGOs li kiseb suċċess u wera l-importanza tas-settur ta' l-NGO fil-proċess tal-bidla demokratika.

Mill-2000, il-pożizzjoni ta' l-NGO fis-soċjetà Serba nbidlet. Is-settur ta' l-NGO qiegħed jegħleb proċess ta' trasformazzjoni. Barraminhekk, ċerti NGOs ibatu minn nuqqas ta' entużjażmu minħabba ritmu ta' riformi li kien inqas rapidu milli mistenni wara l-bidliet fl-2000. Problema oħra hija d-differenza fl-attitudni ta' l-NGOs lejn il-kooperazzjoni mal-gvern — filwaqt li xi wħud jibqgħu dejjem jieħdu pożizzjoni kontra l-gvern; oħrajn dejjem isibu mezz sabiex jikkooperaw. Sa ċertu punt is-settur ta' l-NGO ddgħajjef ukoll minħabba l-fatt li bosta mexxejja ta' l-NGOs daħlu fil-politika wara l-2000 u waqfu l-attivitajiet tagħhom. F'dan ir-rigward, nistgħu naslu għall-konklużjoni li filwaqt li ċerti NGOs intensifikaw l-attivitajiet tagħhom, parti kbira minnhom ma rnexxielhomx jilħqu l-kriterji rigward il-professjonalizzazzjoni u l-ispeċjalizzazzjoni ta' xogħolhom u ltaqgħu ma' xi problemi sinifikanti. Bħala eżempji ta' żvilupp pożittiv, għandhom jissemmew b'mod partikulari l-organizzazzjonijiet ambjentali.

Il-problemi ekonomiċi huma dawk kruċjali billi jikkunċernaw il-fattibbiltà bażika tal-biċċa l-kbira ta' l-NGOs. Dawn jirċievu finanzi għal għadd limitat biss ta' proġetti u għal perijodu limitat l-iktar minn sorsi barranin. B'hekk, ħafna minnhom ma jkollhomx speċjalizzazzjoni u jkollhom jiffukaw fuq proġetti varji b'enfasi differenti ħafna. Dan jaffettwa mhux biss ir-reputazzjoni professjonali tagħhom, iżda jagħmilha diffiċli li jegħlbu problemi vitali li jheddu l-eżistenza tagħhom.

6. Ir-rwol ta' l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-proċess ta' l-integrazzjoni fl-UE

6.1 L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-proċess ta' l-integrazzjoni Ewropea

Għadd ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fis-Serbja diġà qegħdin jaqdu rwol essenzjali fil-proċess ta' sensibilizzazzjoni pubblika dwar l-UE u l-integrazzjoni Ewropea. Billi jorganizzaw konferenzi u seminars pubbliċi u jqassmu fuljetti u materjali oħra li jiffukaw fuq l-UE u kwistjonijiet relatati, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jikkontribwixxu għall-kampanja dwar l-UE speċjalment fiż-żoni rurali u inqas żviluppati. Minkejja li kultant l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kultant ikollhom attitudnijiet differenti — eż. fil-każ ta' enfasi fuq il-kooperazzjoni sħiħa tas-Serbja ma' l-ICTY bħala prekondizzjoni għall-ftuħ mill-ġdid tan-negozjati ta' l-FSA fir-Rebbiegħa ta' l-2007 — l-elezzjonijiet presidenzjali li nżammu f'Jannar-Frar 2008 sabu opinjoni magħquda. Il-maġġoranza kbira ta' l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għażlu l-perspettiva Ewropea għas-Serbja u għenu fit-tisħiħ tal-parteċipazzjoni tal-votanti fl-elezzjonijiet.

Il-kooperazzjoni iktar stretta bejn il-gvern u l-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem, it-trade unions u gruppi oħra ta' interess tista' tikkontribwixxi għat-tħejjija aħjar tal-popolazzjoni fis-Serbja għall-adeżjoni ta' l-UE. Madankollu, il-parteċipazzjoni msaħħa ta' l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fi djalogu sostanzjali mal-gvern teħtieġ iktar trasparenza u provvista regolari ta' dokumenti u informazzjoni rilevanti.

6.2 L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-kooperazzjoni reġjonali

It-titjib fil-kooperazzjoni reġjonali u r-relazzjonijiet tajba mal-pajjiżi ġirien jirrappreżentaw pre-kondizzjonijiet prinċipali għal integrazzjoni b'suċċess fl-UE. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili diġà jaqdu rwol importanti fl-istabilizzazzjoni tar-relazzjonijiet u bħala pont bejn id-differenzi fost il-pajjiżi tar-reġjun. F'dan ir-rigward, it-titjib fil-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Serbi u Kroati jistgħu jissemmgħu bħala eżempju ferm pożittiv. Bit-titjib fil-kooperazzjoni bejniethom u l-isforz ta' proġetti konġunti, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ser ikunu mħejjija aħjar sabiex jiffaċċjaw il-problemi reġjonali u jilqgħu l-isfidi reġjonali. Barraminhekk, ir-riżultati pożittivi tal-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fuq il-bażi reġjonali jistgħu jservu ta' ispirazzjoni għall-mexxejja politiċi reġjonali. Għalkemm il-kuntatti fost l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili qegħdin jiżviluppaw sena sena, l-istatus quo attwali għadu 'l bogħod milli jilħaq livell aċċettabbli, l-iktar minħabba l-ostakli politiċi li għadhom jeżistu u l-iskarsezza tal-fondi finanzjarji, inklużi l-fondi mill-UE. F'dan ir-rigward, l-appoġġ għal inizjattivi reġjonali fil-livell taċ-ċittadini jista' jkun waħda mill-possibbilitajiet għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni fost l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fir-reġjun.

6.3 L-attivitajiet internazzjonali ta' l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Serba

L-inklużjoni ta' l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Serba fi proġetti konġunti li jitwettqu ma' organizzazzjonijiet fi sħubija jew mir-reġjun jew minn barra tista' ttejjeb il-kuntatti bejn in-nies u ġġedded ir-relazzjonijiet li jkunu tfarrku matul il-gwerra. F'dan ir-rigward, inkiseb ċertu żvilupp pożittiv f'bosta oqsma. Il-kooperazzjoni u n-netwerking kien partikularment żviluppat fil-każ ta' l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili b'enfasi fuq id-drittijiet tal-bniedem, il-ħarsien ta' l-ambjent jew l-organizzazzjonijiet tan-nisa. Sabiex isir iktar żvilupp fis-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, ir-riżultati pożittivi tal-kooperazzjoni fost l-assoċjazzjonijiet Serbi u l-kontrapartijiet tagħhom mill-Istati Membri l-ġodda ta' l-UE għandhom jiġu enfasizzati wkoll.

L-inklużjoni ta' l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-attivitajiet abbinati mal-politika barranija m'għandhiex tkun sottovalutata. Iktar ma tkun intensiva l-kooperazzjoni bejn id-diplomazija uffiċjali minn naħa u d-diplomazija pubblika min-naħa l-oħra iktar ma jista' jingħata kontribut għat-titjib fil-politika barranija tas-Serbja u ssir influwenza pożittiva fuq il-proċess ta' l-integrazzjoni Ewropea.

Brussell, id- 29 ta' Mejju 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris Dimitriadis

[1] Skond id-definizzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, it-terminu "soċjetà ċivili" jħaddan l-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem, l-organizzazzjonijiet ta' l-impjegati, kif ukoll organizzazzjonijiet non-governattivi oħrajn u gruppi ta' interess.

[2] Il-Kosovo jinsab taħt il-kontroll tal-UNSCR 1244.

[3] Il-Kosovo jinsab taħt il-kontroll tal-UNSCR 1244.

[4] Qegħdin isiru konsultazzjonijiet regolari ta' l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili f'bosta oqsma, eż. l-integrazzjoni Ewropea, it-tnaqqis tal-faqar jew il-politika taż-żgħażagħ, u minn bosta korpi governattivi jew uffiċjali, eż. il-Presidenza tas-Serbja, l-Uffiċċju għall-Integrazzjoni Serb-Ewropew, il-Ministeru tal-Politika Soċjali u x-Xogħol, il-Kamra tal-Kummerċ tas-Serbja jew il-Konferenza Permanenti tal-Bliet u l-Muniċipalitajiet.

[5] Il-Kosovo jinsab taħt il-kontroll tal-UNSCR 1244.

[6] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Il-Balkani tal-Punent: Insaħħu l-Perspettiva Ewropea, Brussell, 5.3.2008, COM(2008) 127. Mhux disponibbli bil-Malti.

[7] Il-Bank Nazzjonali tas-Serbja, www.nbs.yu

[8] Serbia 2007 Progress Report, Kummissjoni Ewropea, Brussell, 6.11.2007 SEC (2007) 1435.

[9] L-Aġenzija Serba għall-Promozzjoni ta' l-Investiment u l-Esportazzjoni: www.siepa.sr.gov.yu

[10] Il-Ktieb ta' l-Istatistika tas-Serbja 2006, www.webzrs.statserb.sr.gov.yu Data mill-Kummissjoni Ewropea www.ec.europa.eu/trade/issues/bilateral/data.htm

[11] www.wiiw.at/e/serbia.html

[12] Southeast Europe Investment Guide 2007, www.seeurope.net/files2/pdf/ig2007/Serbia-pdf.

[13] Zdenka Milivojević Civil Society in Serbia. Suppressed during the 1990s — gaining legitimacy and recognition after 2000. Civicus Civil Society Index Report for Serbia. (Belgrad, 2006).

--------------------------------------------------